Tuesday 15 April 2014

iNews Malta: Dirett: Il-Liġi tal-Unjoni Ċivili saret realtà

http://www.inewsmalta.com/dart/20140414-dirett-il-li-tal-unjoni-ivili-saret-realt
22:33 | 14.04.2014


22:21: Hekk kif indirizza l-folla l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li llum għażilna li mill-passat immorru għall-futur.
Kompla jgħid li jekk hemm 80% li huma kontra din il-liġi huwa kburi li jagħmel parti mill-20%. "Inħeġġeġ biex inkomplu naħdmu flimkien ħalli din il-minoranza tikber għax li qed nagħmlu qed nagħmluh għall-maġġoranza li għad trid tiġi u u tagħraf it-tgawdija ta' dawn id-drittijiet il-ġodda".
Kompla jgħid li dan li sar llum ma sarx biss għall-persuni li se jibdew igawdu minn dan id-dritt illum iżda għal uliedna li fil-futur se nħallulhom l-għażliet tal-ugwaljanza. 
“Stiednuna meta tieħdu l-unjoni ċivili. Irrid inkun ċert li t-tfal tiegħi jgħixu f'pajjiż tal-ugwaljanza,” qal il-Prim Ministru.
22:17: Intant għalkemm id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg kellha tkun waħda mill-kelliema li tindirizza l-folla llum ma kinietx preżenti.
22.10: F'kumment qasir li ta ċ-chairperson ta' Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li “Nopponu biss lil min jobgħod u mhux lil dawk li jridu jħobbu.
Min-naħa tagħha l-Ministru għal Libertajiet Ċivili u Ugwaljanza, Helena Dalli qalet li din il-liġi tħejjiet b’sens ta’ umilità. “Li kieku ma kienx għas-sostenn tal-Prim Ministru konna ndumu iżjed biex naslu. Wera kemm varament ried lil Malta b’dinjità u ugwaljanza għal kulħadd,” qalet il-Ministru Dalli. 
22:07: Bħalissa fi Pjazza San Ġorġ għaddejja ċelebrazzjoni sħiħa ta' ħajja. Numru ta' persuni se jindirizzaw il-folla numeruża fosthom tkellem Cyrus Engerer li mexxa l-kunsill konsultattiv li ħadem fuq l-abbozz ta' din il-liġi. Engerer qal li omm li kellmitu li għandha wieħed minn uliedha gay, qaltlu li issa binha se jkun ugwali daqs iż-żewġ ulied l-oħra.
“Meta bħal dan iż-żmien sena twaqqaf il-kunsill konsultattiv kontu xettiċi... ħdimna, fassalna u wettaqna. Minn għada dawk li ħadu l-Unjoni Ċivili barra l-pajjiż se jiġu rikonoxxuti f'pajjiżna wkoll. Tlajna mal-ewwel għaxra tal-Unjoni Ewropea fejn jidħlu drittjiet ċivili,” qal Engerer.
21:45: Hekk kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil ħareġ mill-bini tal-Parlamnet ġie ibbujat mill-folla preżenti, filwaqt li hekk kif ħareġ il-Prim Ministru Joseph Muscat ġie milqugħ miċ-ċapċip. Il-folla nfexxet tkanta "thank you, thank you, vey much."
21:34: B'37 vot favur u bi 30 astensjoni, il-liġi tal-unjoni ċivili saret realtà. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella jinsab imsiefer.
21:33: Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li f'dan il-vot hawn min qed jaħsel idejh bħal Pilatu, “iżda aħna qed nieħdu r-responsabbiltà li nnivotaw flimkien kburin favur din il-liġi.”
Joseph Muscat qal li llejla jingħażel il-passat mill-futur, il-kliem mill-fatti. “Xtaqna li din il-liġi ilha li għaddiet - il-ħmerija li ma konniex fil-gvern fl-aħħar 25 sena. Issa qed inwasslu liġi storika li permezz tagħha qed ngħixu l-bidl,” qal il-Prim Ministru.
Żied jgħid li ma jistax nifhem xi gwadann politiku jista' jkollok f'dan kollu jekk huwa minnu li 80% tal-poplu huma kontra. “Mhux qed nagħmlu dan għal gwadann iżda għax kollha kemm aħna nemmnu fiha. Qed nagħmluha għall-minoranza iżda wkoll għall-maġġoranza tal-lum u ta' għada, li permezz ta' din il-liġi se jkunu qed jgħixu f'pajjiz iktar Ewropew, iktar ugwali u aktar liberali,” qal Muscat.
Qal li dn mhix kwistjoni ta' kompromessi. Ikun hemm drabi meta ż-żewġ naħat tal-Parlament jaslu għal kompromessi imma mal-prinċipji ma tistax tagħmel kompromessi u hawn qed nittrattaw prinċipju bażiku, dak tal-ugwaljanza.
“Jekk is-soċjeta mhix lesta, li jien ma naqbilx ma' din id-dikjarazzjoni, irridu nkunu aħna li nfiehmu lill-poplu li dan hu pass lejn Malta aktar ugwali,” temm jgħid il-Prim Ministru.
21:25: Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil fil-Parlament qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni se tivvota favur il-mozzjoni li temenda l-liġi kostituzzjonali kontra diskriminazzjoni dwar orjentazzjoni sesswali, mhux se jivvutaw favur il-liġi tal-unjoni ċivili. Huwa qal li l-mozzjoni kontra d-diskriminazzjoni kienet l-Oppożizzjoni stess li resqitha u li għalhekk l-Oppożizzjoni m'għandha xejn kontra drittijiet ta' persuni omosesswali.
Dwar l-unjoni ċivili, Busuttil qal li l-Oppożizzjoni taqbel li għandha ssir liġi li koppji tal-istess sess jingħaqdu f'unjoni ċivili, hekk kif l-omosesswali huma parti integreali mis-socjetà tagħna.
“Kieku l-vot kien biss dwar l-unjoni ċivili konna inkunu favur tagħha. Kienet tkun sabiħa kieku għaddiet b'mod unanimu, iżda l-Gvern iddeċieda li jdaħħal f'din il-liġi affarijiet li ma kellhomx jaqsmu bħal l-adozzjoni. 80% tal-popolazzjoni għandhom l-istess riservi li għandna aħna,” qal Busuttil.
Huwa qal ukoll li l-Gvern dam daqshekk biex jgħaddi din il-liġi minn stadju tat-tielet qari għax beża' li l-President Emeritus George Abela ma jiffirmax il-liġi. Qal li madankollu l-Oppożizzjoni mhux se tivvota kontra, iżda se tastjeni.
21.20 Tkellimna wkoll ma’ Father Colin Apap, li kien preżenti fi Pjazza San Ġorġ. “Xtaqt li f’din il-mixja għad-drittijiet ċivili ma jispiċċax ballun politiku u jkun approvat uninamament, iżda ħassejt li d-djalogu kien bejn it-torox, jirrepetu l-istess argumenti”.
Kompla jgħid li ħaġa importanti, ikkonfermat li Alla huwa mħabba u ma jħarisx lejn is-sesswalita’ iżda jara l-persuna xbieha tiegħu u ma jagħmilx distinzjoni. 
21:12: Qed nistennew minn ħin għall-ieħor, lill-membri parlamentari taż-żewġ naħat, ħerġin mill-Parlament.
Intant, tkellimna ma' koppja gay. Massimo Farrugia u Simon Psaila.
 
"Is-soċjetà se tibda tħares lejna b'mod differenti. Permezz ta' din il-liġi, il-poplu mhux se jibqa' jħares lejn in-nies bħala roża (nisa) u blu (subien). Se tgħinhom jirrikonoxxu li hawn diversità. Qabel konna ngħixu f'taboo illum mxejna 'l quddiem u se tingħata tama ġdida lil ħafna individwi," qal Psalia.
 
Rigward il-fatt li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jastjeni, Farrugia qal li l-PN għażel li jaħsel idejh u ma jieħux pożizzjoni ċara. "Minkejja dan, bil-vot tiegħu u mingħajru, xorta se tkun qed tgħaddi l-liġi."
21:09: Iż-żeffien Felix Busuttil, li flimkien mas-sieħeb tiegħu Daron li jinsabu fi New York, qal li xorta jinsabu fi Pjazza San Ġorġ fl-ispirtu. “Qegħdin ngħidu lil kulħadd hawnhekk kemm hi kbira l-ġżira żgħira tagħna. Malta għażlet l-imħabba fuq id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza. Illum il-kommunità gay vera qed tiċċelebra. Daron illum verament nistaqsik... Trid tiżżewiġni?” kiteb Felix Busuttil fuq facebook. 
20:57: Trevor Westacott, wieħed mill-membri tal-MGRM, biex jipprova jagħti iżjed kulur l-atmosfera li hawn, qed iqassam materjal relatat mat-tiiġjiet, bħal ċfuf ikkuluriti.
F'kummenti li tana qalilna li din hija "festa ta' kulur u l-materjal li qed inqassmu jirrappreżentaw il-kuluri tal-moviment tad-drittijiet ugwali."
 
Kompla jtenni li fost dawk preżenti hemm sħabu Nazzjonalisti li minkejja li l-Partit se jkun qed jastjeni xorta ma qagħdux lura milli jattendu u jingħaqdu f'din iċ-ċelebrazzjoni. 
20:44: Viċin il-palk, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, intrama kejk kbir, imżejjed, flimkien mat-tazzi tax-xampanja. Dan se kun qed jinqasam bħala parti mill-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet hekk kif jsiru l-interventi uffiċjali.
Fost dawk preżenti qed jingħad li se jkun hawn sorpriża ħelwa. Inżommukom aġġornati wkoll dwar dan. 
20:33: Ftit tal-mumenti ilu, daħal il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament, hekk kif minn hawn u tal-mumenti oħra se jkun qed jittieħed il-vot dwar l-Unjoni Ċivili. Dawk preżenti fi Pjazza San Ġorġ, laqgħuh b'ċapċip.
20.23: Bdew jaslu l-ewwel persuni li se jkunu qed jindirizzaw dawk preżenti fi Pjazza San Ġorġ, hekk kif jittieħed il-vot fil-parlament. 
Fost il-kelliema se jkun hemm il-Prim Ministru, il-Ministru Helena Dalli, Gabi Calleja, Arnold Cassola, Claudette Buttigieg u Cyrus Engerer. Fil-folla hemm ukoll preżenti l-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta, Gina Abercrombie Winstanley.
20.12: inewsmalta.com tkellem ukoll ma' Tony Attard, attur li qalilna li huwa dejjem favur li xi ħadd jieħu forma ta’ pożizzjoni uffiċjali. “L-Oppożizzjoni mhix tagħti indikazzjoni, la naħa u lanqas naħa oħra. Hija ħasra li f’mument bħal dan, hemm partit politiku li mhux qed iħares lejn din il-liġi, b’ċertu serjetà li jistħoqqilha,” żied Attard.
Attard kompla jgħid li f’din il-ġurnata pajjiżna qed iwassal messaġġ lill-kumplament tad-dinja li dan huwa żmien ta’ ugwaljanza għalina wkoll. 
20:00: Fl-isfond tal-mużika, iżjed ma ma jgħaddi l-ħin, qed jiżdiedu n-nies. Fuq wiċċi dawk li qed jinġabru tista' tiġi nnutata t-tama li qed iġib miegħu dawn il-jum.
Id-dwal, il-kulur tal-bżieżaq u tal-bnadar tal-paċi, jikkaratterizzaw l-atomosfera fi Pjazza San Ġorġ.
19:30: Fl-ewwel kummenti ma’ inewsmalta.com, Gabi Calleja, il-kordinatriċi tal-Malta Gay Right Movements, qalet li “din hija ġurnata ta’ ċelebrazzjoni, ġurnata li ilna snin naħdmu għaliha.”
Calleja żiedet tgħid li l-liġi li se tidħol se toffri parita maż-żwieġ, l-istess drittjiet u obbligi taż-żwieġ. Kompliet tgħid li l-għan aħħari jibqa’ l-ugwaljanza fiż-żwieġ.
“Għandna liġi li toffri l-istess drittijiet u obbligi taż-żwieġ u tirrikonoxxi l-familji tagħna, jiġifieri lit-tfal. Bħal kull ġenitur ieħor aħna rridu niddefendu d-drittijiet tat-tfal tagħna, biex ikollhom l-istess protezzjoni bħal tfal oħrajn,” tenniet b’sodisfazzjon Calleja.
Rigward il-fatt li l-Oppożizzjoni se tkun qed tastesjeni qalet li jiddsipjaċiha ħafna. “Il-fatt li mhux se jkun hemm kunsens fiż-żewġ naħat tal-kamra biex jissapportjaw din il-liġi, liġi li tasserixxi l-prinċipju bażiku tal-ugwaljanza għaċ-ċittadini kollha, naħseb li kien ħaqqha l-appoġġ taż-żewġ naħat,” temmet tgħid Calleja.
19.00: Intant hekk kif dalam il-Palazz tal-President inxtegħel bil-kuluri tal-qawsalla, il-kuluri li jirrapreżentaw lill-persuni lgbt.
18:49: Intant fi Pjazza San Ġorġ kollox jinsab lest biex għall-ħabta tat-20.30, issir ċelebrazzjoni f'dan il-mument storiku li se jagħti drittijiet ugwali lill-persuni LGBT.
18:17: Mitluba tagħti r-reazzjoni tagħha għall-astensjoni tal-Partit Nazzjonalista, il-Ministru Helena Dalli qalet lil inewsmalta.com li tinsab ġenwinament iddispjaċuta għax fejn hemm diffikultajiet u tbatija, il-Parlament għandu jkun magħqud biex jaqdi dmiru u jilleġiżla favur min hu diskriminat.
18:08: Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil qal li dwar il-vot tal-unjoni ċivili, il-Partit Nazzjonalista se jastjeni. Huwa qal li filwaqt li l-Oppożizzjoni taqbel mal-liġi tal-unjoni ċivili ma taqbilx koppji omosesswwali jaddottaw. Busuttil żied jgħid li fejn tidħol l-affarijiet kellhom isiru aktra bil-mod. Qal li l-ewwel kellu jkun hemm konsensu dwar l-unjoni ċivili, imbagħad wara tkun diskussa l-adozzjoni.
Mistoqsi dwar koppji omossesswali li diġà għandhom it-tfal, Busuttil qal li hemm madwar 80% tas-soċjetà li ma jaqblux ma' din id-decizjoni, qal li għalhekk il-vot tal-PN għandu jirrifletti anke lil dan is-settur tas-soċjetà.
Huwa qal li waslu għal din id-deċiżjoni wara diskussjoni twila u finalment ġie deċiż li l-grupp parlamentari Nazzjonalista jkun kumbatt wara l-astensjoni minflok il-free vote.
Dwar l-avviż legali li se jiġi diskuss fil-Parlament illejla fuq talba tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil qal li l-Ministru tal-Edukazzjoni m'għandux għalfejn ikollu poteri wesgħin li jinkludu dettalji personali dwar l-istudenti u l-ħiliet tagħhom. Il-poteri li dan l-avviż legali jagħti lill-Ministru huma sproporzjonati u jiksru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, qal Busuttil filwaqt li esprima dispjaċir għax il-Ministru ma ddiskutiex l-introduzzjoni tal-avviż legali mal-Oppożizzjoni.
Aktar kmieni: Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil minn hawn u ftit ieħor se jindirizza lill-media u mistenni jagħti indikazzjoni dwar kif il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista se jkun qed jivvota fuq il-liġi tal-unjoni ċivili. 
Barra minn hekk fil-konferenza tal-aħabrijiet li se jagħti Busuttil mistenni jitkellem ukoll dwar il-mozzjoni li se tkun diskussa llum dik biex jitħassar Avviż Legali Nru. 76 tal-2014.

No comments:

Post a Comment